W I R J A   T A '   P R E S E P J I   2 0 1 8


1 ta' Diċembru 2018

 

L-Għaqda Wirjiet San Ġużepp Ħaddiem ser tkun qed torganizza, għas-16-il sena konsekuttiva, il-Wirja Annwali tal-Presepji, fiċ-Ċentru Parrokkjali San Ġużepp Ħaddiem, nru. 71, Triq Bwieraq, Birkirkara.

 

F’din il-Wirja ser ikun hemm esebiti ‘l fuq minn 70 presepju ta’ kull daqs u għamla, kif ukoll Bambini, kwadri bis-smid ikkulurit, dekorazzjonijiet u oġġetti oħra relatati mal-Milied.  Fil-biċċa l-kbira tagħhom, l-oġġetti għall-wiri huma magħmulin bl-idejn mill-esebituri nfushom.  Barra minn hekk, ser ikun hemm esebiti wkoll xi presepji, Bambini u kwadri antiki li ser ikunu qed jintwerew fil-pubbliku għall-ewwel darba f’din il-Wirja. 

 

Matul il-ġranet tal-Wirja, ser isir ukoll bejgħ ta’ ponsjetti, pjanti, dekorazzjonijiet u ħelu tradizzjonali tal-Milied.  Ikun hemm ukoll bar/kafetterija fejn wieħed jista’ jieħu xi ħaġa mal-familja jew ħbieb f’atmosfera festiva.

 

Il-Wirja tkun miftuħa min-nhar is-Sibt 8 ta’ Diċembru (Festa tal-Immakulata Kunċizzjoni) u tibqa’ tiftaħ sal-Ġimgħa 28 ta’ Diċembru.  Il-ħinijiet tal-ftuħ ikunu kuljum mid-9am sa 12pm u mill-4pm sat-8pm.  Id-dħul huwa kompletament mingħajr ħlas.

 

Promo Uffiċjali tal-Wirja: https://youtu.be/Ut4Uyp_M1p8

 

 

I S - S E Ħ E R   T A '   D I Ċ E M B R U


20 ta' Novembru 2018

 

Il-Grupp Letterarju 'Muża Karkariża', ser ikun qed jorganizza lejla ta' letteratura u mużika bl-isem ta' 'Is-Seħer ta' Diċembru'. Din ser tittella' fiċ-Ċentru Parrokkjali San Ġużepp Ħaddiem, nhar is-Sibt, 15 ta' Diċembru 2018, waqt li Għaqda Wirjiet tkun qed torganizza s-16-il edizzjoni konsekuttiva tal-Wirja ta' Presepji fl-istess Ċentru.

 

Jieħdu sehem f'din l-attività il-kittieba Charles Briffa, Ġorġ Peresso, Tarcisio Zarb, Ninu Borg, Therese Pace, Philip Borg, Charles Mifsud, Charles Spiteri, Ritianne Frendo, Frans Borg, Domenic Xuereb u Doriana Vella, b'intervalli mużikali minn Elena Muscat, David Azzopardi u Charles Dalli. Preżentazzjoni ta' Maria Mintoff u Koordinazzjoni ta' Terry Muscat. Kulħadd mistieden.

 

 

F E S T A   M A D O N N A   T A R - R U Ż A R J U   2 0 1 8


1 t'Ottubru 2018

 
Nhar il-Ġimgħa 5 t'Ottubru 2018, fil-Parroċċa San Ġużepp Ħaddiem Birkirkara, ser tkun iċċelebrata l-Festa tal-Madonna tar-Rużarju.

Fis-6.30pm, mill-Knisja Parrokkjali toħroġ il-purċissjoni bil-vara tal-Madonna u tgħaddi minn diversi toroq tal-Parroċċa.  Fi tmiem il-pellegrinaġġ, issir quddiesa fil-beraħ fi Triq Gori Mancini.  Din ser tkun iċċelebrata mill-Isqof Awżiljarju Mons. Joe Galea Curmi, flimkien mal-Kappillan u s-saċerdoti tal-Parroċċa.  Wara l-quddiesa jsir id-dħul tal-vara lura fil-Knisja Parrokkjali.

F'każ ta' maltemp, il-quddiesa ssir xorta waħda fil-Knisja Parrokkjali.

 

 

V E L J A   L E J L E T   L - O R D I N A Z Z J O N I   E P I S K O P A L I


21 ta' Lulju 2018

 

Lejlet l-ordinazzjoni episkopali ta' Mons. Joe Galea Curmi bħala Isqof Awżiljarju tal-Arċidjoċesi ta' Malta, ser issir velja ta' talb fil-Knisja Parrokkjali ta' San Ġużepp Ħaddiem, nhar il-Ġimgħa 3 t'Awwissu mis-7:30pm 'il quddiem.  Matul din il-velja ser jitbierku wkoll iċ-ċurkett, il-mitra u l-baklu li ser juża waqt l-episkopat tiegħu.  Ta' min jgħid li l-baklu ingħata rigal mill-Parroċċa tagħna.

 

Mons. Galea Curmi, minbarra li trabba u jgħix fil-Parroċċa San Ġużepp Ħaddiem, huwa wkoll viżitatur regolari tal-wirjiet li torganizza l-Għaqda tagħna.

 

 

T A Z Z A   T A D - D I N J A   2 0 1 8


10 ta' Ġunju 2018

 

Min-nhar il-Ġimgħa 15 ta'Ġunju u tul it-Tazza tad-Dinja kollha, ser tintwera l-logħba tat-8:00pm live fuq big screen, fis-Sala taċ-Ċentru Parrokkjali San Ġużepp Ħaddiem.  Ikun hemm ukoll bar miftuħ, kif ukoll ikel fil-weekends.

 

Ingħaqdu magħna għal atmosfera mill-isbaħ.

 

 

B I R K I R K A R A   M A Ż - Ż M I N I J I E T   2 0 1 8


2 ta' Ġunju 2018

 

Il-Parroċċa San Ġużepp Ħaddiem ser tkun qed tipparteċipa fl-attività 'Birkirkara maż-Żminijiet' li ser tiġi organizzata mill-Kunsill Lokali ta' Birkirkara, flimkien mal-għaqdiet Karkariżi, nhar is-Sibt 9 ta' Ġunju fi Pjazza Sant'Elena.

 

L-Għaqda tal-Armar San Ġużepp Ħaddiem ser torganizza bar u kafetterija, fejn wieħed ikun jista' jieħu xi ħaġa mal-familja u l-ħbieb.  Jisservew xarbiet sħan u kesħin, kejkijiet, kannoli u diversi tipi ta' ħelu u ikel ieħor.  Il-Grupp tan-Nisa tal-Parroċċa ser ikunu qed ibiegħu ukoll ħelu tradizzjonali, magħmul minnhom stess.

 

Dan kollu f'atmosfera familjari, ħdejn il-palk prinċipali fil-pjazza.  Narawkom!

 

 

F E S T A   S A N   Ġ U Ż E P P   Ħ A D D I E M   2 0 1 8


16 t'April 2018

 

22 ta’ April – 1 ta’ Mejju 2018

 

 

Il-Ħadd 22 ta’ April         

8.30am:      Quddiesa fis-Santwarju ta’ Santa Tereża, immexxija mill-Kappillan Dun Josef Mifsud.

 

9.15am:       Purċissjoni bil-vara titulari ta’ San Ġużepp Ħaddiem  mis-Santwarju ta’ Santa Tereża, fejn se tkun twasslet lura mir-restawr. Il-purċissjoni tkun akkumpanjata mill-Banda San Ġużepp tal-Ħamrun u tgħaddi minn Triq il-Wied, Triq il-Karmnu, Triq F. Buhagiar, Triq I. Calleja, Triq Gori Mancini, Triq il-Bwieraq għall-Knisja Parrokkjali.

 

11.00am:     Quddiesa ta’ Radd-il Ħajr wara r-restawr tal-vara titulari, immexxija mill-Isqof t’Għawdex Mons Mario Grech.

 

 

It-Tnejn 23 ta’ April        

8.00pm:     Ċelebrazzjoni Ekumenika, mmexxija minn Mons Hector Scerri, President tal-Kummissjoni Ekumenika Djoċesana, bis-sehem ta’ gruppi Insara Pentekostali u Anglikani li jiltaqgħu biex jitolbu fil-Parroċċa tagħna.

 

 

It-Tlieta 24 ta’ April        

4.30pm:     Quddiesa għal dawk kollha nvoluti fil-qasam tad-Djakonija, immexxija minn Fr Andrew Borg, Rettur tas-Santwarju tal-Madonna tas-Samra, il-Ħamrun, li jservi wkoll lir-residenti ta’ Dar Nażaret, iż-Żejtun.

 

7.30pm:     Inżommu l-Memorja Ħajja: Stedina għal kulħadd fuq   iz-zuntier tal-Knisja Parrokkjali biex nisimgħu esperjenzi ta’ persuni li jiftakru l-wasla tal-vara titulari ta’ San Ġużepp Ħaddiem fil-parroċċa tagħna.

 

 

l-Erbgħa 25 ta’ April       

6.30pm:     Quddiesa bi stedina speċjali għall-helpers kollha tal-Parroċċa, immexxija mill-Vigarju Ġenerali, Mons Joe Galea Curmi. Immedjatament wara ċ-ċelebrazzjoni ewkaristika, issir preżentazzjoni dwar ir-restawr tal-vara titulari mir-restawratur is-Sur Pierre Bugeja.

 

 

Il-Ħamis 26 ta’ April       

9.00am:     Quddiesa għall-morda u l-anzjani fil-Knisja Parrokkjali, mmexxija minn P. Mario Borg, O.C.D., Pirjol tal-Komunità tal-Patrijiet Karmelitani Skalzi  fil-Parroċċa tagħna stess. Waqt il-quddiesa jiġi amministrat is-Sagrament tal-Griżma tal-Morda.

 

4.30pm:     Quddiesa għat-tfal kollha, immexxija mis-saċerdot novell Fr Bernard Micallef. Wara jkun hemm manifestazzjoni ferriħija bl-istatwa ż-żgħira ta’ San Ġużepp Ħaddiem u Sports Rally organizzat għat-tfal kollha fi Triq Gori Mancini.

 

 

Il-Ġimgħa 27 ta’ April

6.30pm:     Quddiesa għall-familji kollha, immexxija minn Mons Anton Gouder. Tingħata wkoll tifkira lill-koppji li matul din is-sena qed jiċċelebraw xi anniversarju speċjali miż-żwieġ tagħhom.

 

 

Is-Sibt 28 ta’ April          

6.30pm:     Quddiesa fejn nitolbu b’mod partikulari għal aktar vokazzjonijiet mill-Parroċċa tagħna, immexxija minn P. Clive Camilleri O.F.M., saċerdot novell mill-Parroċċa.

 

 

7.30pm:     Lejla Maltija għall-familja kollha fi Triq Gori Mancini. Ikun hemm Ikel Malti, xorb, żfin u varjetà ta’ talent Malti.

 

 

Il-Ħadd 29 ta’ April         

6.30pm:     Quddiesa bi stil żagħżugħ, immexxija mis-saċerdot novell Fr Anton Damato. Għal din iċ-ċelebrazzjoni huma mistiedna b’mod partikulari l-adolexxenti u ż-żgħażagħ kollha ta’ Birkirkara. Wara l-quddiesa jkun hemm ċelebrazzjoni żagħżugħa fuq iz-zuntier.

 

 

It-Tnejn 30 ta’ April – Lejlet il-Festa

4.30pm: Quddiesa.

 

6.00pm:     Translazzjoni bir-relikwa ta’ San Ġużepp Ħaddiem mill-Qasam tal-MUSEUM tas-Subien, fi Triq Brared, sal-  Knisja Parrokkjali, immexxija minn Mons Paul C. Vella, Prepostu-Arċipriet tal-Kolleġġjata ta’ Sant’Elena. Waqt it-translazzjoni takkumpanja wkoll il-Fratellanza ta’ San Ġużepp fi ħdan il-Parroċċa ta’ Sant’Elena. Malli r-relikwa ta’ San Ġużepp tidħol fil-Knisja Parrokkjali, titkanta l-antifona ta’ San Ġużepp Ħaddiem.

 

6.30pm:     Quddiesa Solenni ta’ Lejlet il-Festa, mmexxija minn Mons Prepostu Paul C. Vella. Waqt il-quddiesa jsir ukoll l-ewwel għasar tal-festa.

 

8.00pm:     Programm ta’ marċi brijużi live mill-Banda Sant’ Elena ta’ Birkirkara u ikla kbira tal-Festa fi Triq Gori Mancini.

 

 

It-Tlieta 1 ta’ Mejju – JUM IL-FESTA

Matul in-nofs ta’ nhar ta’ fil-għodu, se tkun qed isir Blood Drive fiċ-Ċentru Parrokkjali, fejn se jkun hemm l-istaff miċ-Ċentru tal-Għoti tad-Demm.                                       

 

Quddies fis-6.30am, 9.00am u 11.00am

 

6.00pm:     Quddiesa Solenni tal-Festa, immexxija minn Fr Sinclair Bugeja, saċerdot novell li jservi fil-Parroċċa tagħna. Waqt il-quddiesa jsir it-Tieni Għasar tal-Festa.

 

7.00pm:     Jibda marċ mill-Banda De Rohan ta’ Ħaż-Żebbuġ minn Triq il-Kanonku Karm Pirotta (ħdejn l-ex Vodafone) li jgħaddi minn Triq il-Karmnu, għal Triq il-Bwieraq.

 

7.30pm:     Toħroġ il-Purċissjoni bil-vara ta’ San Ġużepp Ħaddiem, immexxija minn Fr Sinclair Bugeja. Fil-ħruġ tal-purċissjoni tingħad talba lil San Ġużepp għall-bżonnijiet tal-Parroċċa.

                Il-Banda De Rohan tilqa’ l-vara ħdejn Triq Gori Mancini u takkumpanja l-purċissjoni li tgħaddi minn Triq il-Bwieraq, Triq il-Fuħħarin, Triq F. S Caruana, Triq il-Karmnu, Triq Brared, Triq Anġlu Mallia u Triq il-Bwieraq.

 

9.45pm:     Il-vara tasal fuq iz-zuntier u tingħadtalba lil San Ġużepp Ħaddiem għall-bżonnijiet tal-ħaddiema kollha.

 

10.00pm:Il-vara idħol fil-Knisja, titkanta l-Antifona ta’ San Ġużepp Ħaddiem u tingħata l-Barka Sagramentali.

 

 

#festasgh18

 

 

W I R J A   T A L - Ġ I M G Ħ A   M Q A D D S A   2 0 1 8


14 ta' Frar 2018

 

L-Għaqda Wirjiet San Ġużepp Ħaddiem ser tkun qed torganizza, għall-20 sena konsekuttiva, il-Wirja Annwali tal-Ġimgħa Mqaddsa, fiċ-Ċentru Parrokkjali San Ġużepp Ħaddiem, f’Birkirkara.

 

Il-wirja, bit-tema Il-Misteru tal-Mewt u l-Qawmien', hija wirja kollettiva bil-parteċipazzjoni ta’ 'il fuq minn 40 esebitur.  Fost l-oġġetti esebiti f’din il-wirja, wieħed jista’ jsib Ċenaklu fuq stil Lhudi,  kkumplimentat bi statwa life size ta' Kristu, għadd ta’ settijiet ta’ statwetti tal-Ġimgħa l-Kbira maħdumin minn statwarji varji, mudell ta’ Golgota b’ ‘il fuq minn mitt statwetta tat-tafal, mudell kbir ta’ knisja armata bil-vari tal-Ġimgħa l-Kbira, platti u kwadri bis-smid, ross u għaġin, u diversi oġġetti sagri u simboli oħra.  Attrazzjonijiet oħra f’din il-wirja jinkludu vestwarju u simboli tar-Rumani u mudell life size tal-Qabar ta' Kristu.  Ma jonqsux lanqas diversi xogħlijiet ġodda li nħadmu mill-membri tal-għaqda matul is-sena u li mistennija jiżżanżnu  proprju għal din il-wirja.

 

Il-Wirja ser tinfetaħ uffiċjalment nhar il-Ħadd 18 ta’ Marzu fl-10.00 a.m. u titbierek mill-Kappillan tal-Parroċċa San Ġużepp Ħaddiem, ir-Rev. Dun Josef Mifsud.  Għall-okkażjoni tal-ftuħ uffiċjali tal-wirja, ser tittella’ wkoll rappreżentazzjoni qasira minn grupp ta' atturi.

 

Il-Wirja tiftaħ kuljum sal-Ġimgħa l-Kbira (30 ta' Marzu).  Dettalji dwar il-ħinijiet tal-ftuħ jinsabu fil-poster.  Dħul b'xejn.

 

Promo uffiċjali tal-Wirja: https://www.youtube.com/watch?v=hLwllClLmK4&t=8s